gov.mt

PR261532

PR261532

23/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Inawgurata faċilità ġdida ta' kċina sperimentali għar-riċerka u mikroproċessar fil-Biċċerija Pubblika


Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel, Anton Refalo, inawgura faċilità ġdida ta' kċina sperimentali għar-riċerka u pproċessar fuq skala żgħira fil-Biċċerija Pubblika.

 

Il-faċilità l-ġdida, li tinsab fil-kumpless tal-Biċċerija Pubblika fil-Marsa, tirrappreżenta investiment ta' madwar €200,000 fir-riċerka, l-innovazzjoni, iż-żieda fil-valur u s-sostenibbiltà fis-setturi tal-bhejjem u tal-laħam f'Malta.

 

Il-Ministru Anton Refalo spjega li dan l-investiment huwa parti mill-implimentazzjoni ta' waħda mill-miżuri tal-Programm Elettorali tal-Gvern.

 

“Din il-faċilità tifforma parti minn strateġija usa' mmirata biex tappoġġja lill-bdiewa, lill-proċessuri, lir-riċerkaturi, lill-istudenti, lill-koki u lill-intraprendituri fl-iżvilupp ta' prodotti ġodda tal-ikel derivati mill-produzzjoni lokali," qal il-Ministru. “Dan l-investiment ikompli jibni fuq investimenti preċedenti, fosthom l-impjant tal-Vertical Scalding System u l-impjant għall-ipproċessar tal-mazzit, li ġew inawgurati matul dawn l-aħħar snin."

 

Id-Direttur Ġenerali tal-Biċċerija Pubblika, Stefan Cachia, stqarr li din il-faċilità tirrappreżenta evoluzzjoni naturali tar-rwol tal-Biċċerija Pubblika.

 

“Il-Biċċerija Pubblika ma għadhiex sempliċiment post fejn jinqatlu l-annimali. Matul l-aħħar snin, hija evolviet f'ċentru għar-riċerka, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-prodotti. L-inawgurazzjoni ta' din il-faċilità tkompli ssaħħaħ il-kapaċità tagħna li nappoġġjaw is-settur lokali tal-bhejjem, noħolqu prodotti b'valur ogħla, innaqqsu l-iskart u niġġeneraw opportunitajiet ekonomiċi ġodda," qal Stefan Cachia.

 

Il-faċilità ġiet iddisinjata biex tipprovdi ambjent mgħammar kompletament fejn prodotti innovattivi tal-laħam jistgħu jiġu riċerkati, ittestjati, żviluppati u prodotti fuq skala pilota qabel ma jiġu kkummerċjalizzati. Il-ħtieġa għal dan l-impjant ħarġet minn diskussjonijiet ma' proċessuri lokali tal-laħam, li spjegaw li normalment ikollhom imorru barra l-pajjiż sabiex jittestjaw ideat għal prodotti ġodda, u dan bi spiża konsiderevoli.

 

Il-faċilità se sservi wkoll bħala pjattaforma ddedikata għall-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, l-akkademja u l-industrija. Riċerkaturi, teknoloġisti tal-ikel, istituzzjonijiet edukattivi u operaturi privati se jkunu jistgħu jwettqu żvilupp ta' prodotti, proġetti ta' riċerka u produzzjoni pilota mingħajr il-ħtieġa ta' investiment kapitali inizjali sostanzjali fl-infrastruttura.

 

Dan se jiffaċilita l-ħolqien ta' intrapriżi ġodda u prodotti għal swieq speċjalizzati (niche markets), filwaqt li jnaqqas l-ostakli għall-innovazzjoni fl-industrija lokali tal-laħam.